Imħabbar proġett pilota li qed ikompli jsaħħaħ il-monitoraġġ fuq il-baħar kontra s-sajd illegali
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo ħabbar li matul din is-sena ngħata bidu għal proġett pilota tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li permezz tiegħu drone f’forma ta’ ajruplan żgħir qed jintuża għal skopijiet ta’ sorveljanza. Qabel, dan id-drone kien jitlaq minn Sqallija jew minn lokalitajiet oħra fl-Italja; din is-sena, fuq insistenza tal-awtoritajiet Maltin, beda jitlaq minn Malta. Din it-teknoloġija tippermetti li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar rapidu għal rapporti dwar sajd illegali u ssaħħaħ il-kapaċità ta’ monitoraġġ fuq il-baħar.
Dan tħabbar waqt żjara fejn il-Ministru ngħaqad ma’ grupp ta’ sajjieda Maltin fuq il-baħar, bħala parti mill-kampanja ‘100 jum bis-saħħa tiegħek’, sabiex isegwi mill-qrib il-ħidma tagħhom matul l-istaġun tal-lampuki.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Refalo akkumpanja lis-sajjieda fuq waħda mir-rimji allokati għas-sajd tal-lampuki, fejn seta’ jsegwi l-proċess kollu li jwettqu s-sajjieda, mill-wasla fuq ir-rimji u l-kannizzati sal-qabda tal-lampuki. Din kienet ukoll opportunità biex il-Ministru jisma’ direttament mingħand is-sajjieda dwar il-ħidma tagħhom, kif ukoll dwar l-isfidi u l-ħtiġijiet tas-settur.
Is-sajd tal-lampuki huwa tradizzjoni importanti fis-settur tas-sajd Malti u Għawdxi. Is-sajjieda jużaw il-kannizzati, magħmula, fost l-oħrajn, bil-weraq tal-palm, sabiex joħolqu dell fil-wiċċ tal-baħar li jattira l-lampuki. Ir-rimji jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura sabiex dan is-sajd isir b’mod organizzat u skont ir-regolamenti applikabbli.
Il-Gvern kommess li jkompli jappoġġja lis-sajjieda permezz ta’ diversi inizjattivi u skemi maħsuba biex isaħħu s-settur. Fost dawn hemm it-tqassim tal-weraq tal-palm lis-sajjieda bi tħejjija għall-istaġun tal-lampuki, flimkien ma’ skemi u investimenti oħra mmirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur tas-sajd.
Fl-istess waqt, Malta qed tkompli taħdem fuq livell Ewropew u reġjonali sabiex jissaħħaħ l-infurzar kontra s-sajd illegali minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, matul dawn l-aħħar snin l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) allokat bastiment speċifikament għall-operazzjonijiet ta’ kontroll fil-Mediterran.
L-awtoritajiet Maltin, permezz tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, qed ikomplu wkoll iressqu evidenza, inkluż dik ipprovduta minn sajjieda Maltin, fil-fora internazzjonali rilevanti. Dan sabiex tkompli ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi biex jieħdu azzjoni kontra prattiċi illegali u, fejn meħtieġ, jittieħdu miżuri ta’ sanzjonar, inkluż l-elenkar ta’ bastimenti li jinqabdu jwettqu sajd illegali.
Il-Ministru Anton Refalo rrimarka, “Waqt din iż-żjara stajt nara mill-qrib ix-xogħol, l-esperjenza u d-dedikazzjoni li hemm wara kull qabda. Is-sajjieda tagħna huma parti importanti mill-identità marittima ta’ pajjiżna u għandhom irwol essenzjali fil-provvista ta’ ikel frisk u lokali. Għalhekk, bħala Gvern se nibqgħu qrib tagħhom, nisimgħu l-ħtiġijiet tagħhom u nipprovdu l-għajnuna meħtieġa biex inkomplu nsaħħu u nipproteġu dan is-settur.”
Il-Ministru Refalo appella wkoll lis-sajjieda Maltin u Għawdxin sabiex ikomplu josservaw il-liġijiet u r-regolamenti tas-sajd, kif ukoll id-direzzjonijiet maħruġa mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Huwa saħaq li l-konformità mar-regoli hija essenzjali sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha u l-kredibbiltà tagħha fil-fora Ewropej u internazzjonali fejn jiġu diskussi u protetti l-interessi tas-settur tas-sajd Malti.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-Forzi Armati ta’ Malta għall-ħidma, il-protezzjoni u l-koordinazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari matul dan il-perjodu importanti tas-sena għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Refalo tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-settur tas-sajd, filwaqt li jaħdem biex jipproteġi l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin u jiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.
Iż-żjara serviet ukoll biex tingħata viżibbiltà lill-ħidma li ssir ta’ kuljum mis-sajjieda fuq il-baħar u lill-għarfien li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-Gvern se jkompli jaħdem flimkien mas-settur sabiex is-sajd tradizzjonali Malti jibqa’ sostenibbli, kompetittiv u parti ħajja mill-wirt marittimu ta’ pajjiżna.